Mistoqsijiet komuni
Taqsima 1 – Min aħna
X’inhu l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku?
Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) huwa s-sistema ta’ superviżjoni bankarja fl-Ewropa. Huwa wieħed mill-pilastri tal-unjoni bankarja li tinkludi lilna – il-BĊE – u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Pajjiżi oħra tal-UE li ddeċidew li jipparteċipaw fis-superviżjoni huma wkoll parti mill-MSU.
L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li:
- jiżgura li s-sistema bankarja Ewropea tkun sigura u b’saħħitha;
- isaħħaħ l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja fl-Ewropa.
Għaliex neħtieġu superviżjoni bankarja Ewropea?
Il-kriżijiet finanzjarji wrew kemm jistgħu jinfirxu malajr u bis-saħħa l-problemi fis-settur finanzjarju ta’ pajjiż wieħed, speċjalment f’unjoni monetarja bħaż-żona tal-euro. Dawn il-problemi jistgħu mbagħad jaffettwaw direttament lin-nies u l-flus tagħhom.
Aħna naħdmu biex nipproteġu s-sistema finanzjarja u biex inżommu l-fiduċja fis-settur bankarju tal-Ewropa. Il-mekkaniżmu komuni Ewropew ta’ superviżjoni tagħna jfisser li nissorveljaw il-banek fil-pajjiżi parteċipanti kollha b’mod konsistenti.
Liema pajjiżi jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja?
Hemm 21 pajjiż li qed jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja. 20 minn dawn il-pajjiżi qed jużaw l-euro u jipparteċipaw awtomatikament fis-superviżjoni bankarja Ewropea. Il-pajjiżi tal-UE li m’għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom jistgħu jiddeċiedu wkoll li jipparteċipaw permezz ta’ “kooperazzjoni mill-qrib” mal-BĊE. Wieħed minn dawn il-pajjiżi huwa l-Bulgarija.
Il-BĊE jista’ jikkonkludi memoranda ta’ qbil mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE li ma jkunux qed jipparteċipaw fis-superviżjoni u dawk ta’ pajjiżi mhux tal-UE, biex jikkoordina s-superviżjoni tal-banek rilevanti u s-sussidjarji u l-fergħat transfruntiera tagħhom.
Taqsima 2 — Kif taħdem is-superviżjoni tagħna
X’inhu sewwasew is-sehem tal-BĊE?
Ilna nissorveljaw l-akbar banek tal-Ewropa minn Novembru 2014. Aħna nagħmlu dan billi:
- nagħtu/nirtiraw il-liċenzji tal-banek kollha fil-pajjiżi parteċipanti;
- nevalwaw kif isir l-akkwist u l-bejgħ ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji fil-banek;
- niżguraw li l-banek jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-regoli bankarji tal-UE u l-istabbiliment, fejn meħtieġ, ta’ rekwiżiti prudenzjali ogħla għall-banek biex jipproteġu l-istabbiltà finanzjarja;
- nimmonitorjaw ir-riskji tal-banek fuq bażi regolari biex jitkejlu s-solidità u l-istabbiltà finanzjarja tagħhom;
- niżguraw li l-banek ikollhom ġestjoni effettiva u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet sodi fis-seħħ.
Kif naħdmu?
Il-Bord Superviżorju jippjana u jwettaq il-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dawn jinkludu t-tħejjija ta’ gwida għall-banek u t-teħid ta’ deċiżjonijiet superviżorji, li mbagħad jiġu adottati mill-korp ewlieni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv, taħt proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.
Is-superviżjoni ta’ kuljum tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti ssir mit-Timijiet Superviżorji Konġunti (Joint Supervisory Teams – JSTs). Timijiet orizzontali ta’ esperti jwettqu wkoll spezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post u jiżviluppaw metodoloġiji u gwidi superviżorji dwar suġġetti jew oqsma ta’ riskju speċifiċi.
X’inhuma t-Timijiet Superviżorji Konġunti?
It-Timijiet Superviżorji Konġunti huma wieħed mir-riżultati ewlenin tal-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Għal kull bank sinifikanti, aħna niffurmaw tim b’persunal mill-BĊE u mis-superviżuri nazzjonali. Il-BĊE jikkoordina t-tim bl-għajnuna ta’ kull superviżur nazzjonali.
It-TSK iwettqu superviżjoni kontinwa tal-banek sinifikanti, filwaqt li jiffukaw fuq l-analiżi tar-riskju u jipproponu programmi superviżorji u azzjonijiet xierqa.
Min jissorvelja l-BĊE?
Superviżjoni diretta
Il-BĊE jissorvelja direttament lil aktar minn 100 bank sinifikanti, li jirrappreżentaw madwar 85 % tal-assi bankarji totali fil-pajjiżi parteċipanti.
Il-banek huma kkunsidrati sinifikanti abbażi ta’:
- id-daqs tagħhom — banek li għandhom valur totali ta’ assi ta’ aktar minn EUR 30 biljun jew li huma wieħed mill-akbar tliet banek f’pajjiż;
- l-importanza tagħhom għall-ekonomija tal-pajjiż fejn ikunu jinsabu jew għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;
- l-importanza tal-attivitajiet transkonfinali tagħhom;
- jekk ikunux talbu jew kisbu assistenza finanzjarja diretta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jew mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja.
Superviżjoni indiretta
Il-madwar 2,000 bank inqas sinifikanti fiż-żona tal-euro huma ssorveljati direttament mis-superviżur nazzjonali tagħhom u huma ssorveljati indirettament mill-BĊE. Madankollu, il-BĊE jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin li jieħu f’idejh is-superviżjoni diretta ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn il-banek biex jiżgura li standards superviżorji għoljin jiġu applikati b’mod konsistenti.
Kif nista’ nirrapporta ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar is-superviżjoni bankarja?
Għandek tirrapporta lill-BĊE kull suspett ta’ ksur tal-liġijiet tal-UE li jkollu x’jaqsam mal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Dan ikopri kwalunkwe ksur li allegatament isir mill-banek soġġetti għas-superviżjoni, mis-superviżuri nazzjonali jew mill-BĊE nnifsu. It-tagħrif kollu li jingħata jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali.
Taqsima 3 – Nibqgħu responsabbli
Il-BĊE kif jinżamm responsabbli għas-superviżjoni tiegħu?
Hemm fis-seħħ diversi arranġamenti ta’ akkontabbiltà biex il-BĊE jinżamm demokratikament responsabbli għall-azzjonijiet superviżorji tiegħu, inkluż permezz ta’:
- diskussjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;
- rekwiżiti ta’ rappurtar fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea;
- verifika mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;
- kontroll legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-BĊE kif jevita li jkollu kunflitti ta’ interess potenzjali bejn il-kompiti superviżorji u l-kompiti tal-politika monetarja tiegħu?
Is-separazzjoni tal-kompiti tal-BĊE hija ddefinita fid-dritt tal-Unjoni, u għalhekk il-BĊE jwettaq is-superviżjoni tiegħu indipendentement mill-politika monetarja tiegħu. Il-Bord Superviżorju huwa responsabbli għan-naħa superviżorja tal-attivitajiet tal-BĊE, filwaqt li l-Kunsill Governattiv huwa responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-politika monetarja. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet superviżorji huma proposti mill-Bord Superviżorju u sottomessi għall-adozzjoni lill-Kunsill Governattiv.
Is-separazzjoni organizzazzjonali tal-membri tal-persunal li jagħtu kontribut dirett għall-kompiti tal-politika monetarja sservi biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess potenzjali.
Taqsima 4 — Protezzjoni tal-konsumatur
Jekk ikolli lment dwar bank, x’għandi nagħmel?
Jekk ikollok xi lment dwar il-bank tiegħek, għandek tikkuntattjah direttament jew għandek tindirizza l-ilment tiegħek lill-awtorità responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur f’pajjiżek.
Il-BĊE jissorvelja banek kbar u sinifikanti fiż-żona tal-euro u f’pajjiżi li jagħżlu li jipparteċipaw fis-superviżjoni bankarja Ewropea, iżda kompiti bħall-protezzjoni tal-konsumatur u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus huma barra mill-ambitu tad-dmirijiet tal-BĊE u għalhekk huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali. L-allegazzjonijiet ta’ attività kriminali jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-aġenziji nazzjonali xierqa tal-infurzar tal-liġi.
Nista’ nikseb tagħrif speċifiku dwar il-bank tiegħi mill-BĊE?
Le. Minħabba rekwiżiti legali, il-BĊE mhuwiex awtorizzat jgħaddi informazzjoni jew data dwar banek individwali soġġetti għas-superviżjoni. Jekk jogħġbok ikkuntattja direttament lill-bank tiegħek.
Is-superviżjoni bankarja Ewropea kif iżżomm flusi sikuri?
Banek b’saħħithom u stabbli jżommu flusek sikuri. Is-superviżjoni Ewropea qiegħda hemm biex tgħin lill-banek jimmaniġġjaw bir-reqqa r-riskji interni u esterni sabiex ikunu reżiljenti għax-xokkijiet. Bħala tali, il-BĊE għandu s-setgħa li jitlob lill-banek iżommu aktar buffers kapitali bħala xibka ta’ sikurezza f’każ ta’ problemi. Tista’ wkoll tagħti jew tirtira liċenzji bankarji u tissanzjona lill-banek jekk dawn jiksru r-regoli. Fil-pajjiżi tal-UE, l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ffinanzjati mill-banek jiżguraw ukoll li depożiti sa EUR 100,000 jiġu protetti.
Jekk għandek aktar mistoqsijiet, tista’ tikkuntattjana billi tuża l-formola ta’ talba għal informazzjoni jew iċċempel fuq +49 69 1344 1300.